Il-paġna It-Temp Madwarna spjegat il-fenomenu li wassal għall-buffuri qawwija tar-riħ li nħassu kmieni dalgħodu f'diversi lokalitajiet madwar Malta.
Skont il-paġna, residenti minn Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi u anke ż-Żurrieq irrappurtaw buffuri qawwija ħafna tar-riħ matul is-sigħat bikrin ta' filgħodu.
It-Temp Madwarna spjegat li, f'termini meteoroloġiċi, dan il-fenomenu huwa magħruf bħala "dry microburst". Dan iseħħ meta x-xita tibda tinżel minn sħab għoli ħafna, iżda fis-saff ta' arja sħuna u xotta taħt is-sħab, ħafna minnha tevapora qabel ma tasal sal-art.
Minkejja li x-xita ma tasalx kollha sal-wiċċ, il-proċess joħloq buffuri qawwija ta' riħ hekk kif il-preċipitazzjoni timbotta massa ta' arja 'l isfel, u dawn jinħassu b'mod qawwi mill-art.
Il-paġna saħqet li dan huwa fenomenu meteoroloġiku magħruf, li jista' jikkawża buffuri qawwija u f'daqqa, anke meta l-ammont ta' xita li jasal sal-art ikun limitat.
Facebook / It-Temp Madwarna