Qegħdin fi żmien l-eżamijiet, u l-istudenti jkunu għaddejjin minn perjodu ta’ stress u tensjoni xi ftit jew wisq. Kull tip ta’ turija ta’ appoġġ ser tqawwi l-moral tagħhom, anke sempliċiment xi ħaġa li tbidlilhom xi ftit il-burdata ta’ stress.
L-istudenti tal-Università ta’ Malta sabu sorpriża tistenniehom, hekk kif il-Professur Andrew Azzopardi ġab kaxxi bil-pizez fil-Kamra Komuni KSU x PwC. L-istudenti, li kienu qed jistudjaw għall-eżamijiet tagħhom, bla dubju ħadu gost b’dan u kienu tassew grati għall-ġest nobbli.
KSU, il-kunsill tal-istudenti tal-università, qasmu ritratti minn dan il-mument u rringrazzjaw lill-Professur Azzopardi għall-appoġġ ġentili tiegħu. Huma qalu:
“Grazzi kbira lill-Professur Andrew Azzopardi talli għal darb’oħra ġab il-pizez għall-istudenti ħabrieka fil-Kamra Komuni KSU x PwC. L-appoġġ tiegħek qatt ma jiġi injorat!,” kiteb it-tim ta’ KSU.
Prosit kbira lill-Professur Azzopardi. Dawn il-ġesti li juru appoġġ, anke jekk b’modi sempliċi, kapaċi jagħmlu ħafna ġid.
Facebook/ Andrew Azzopardi