Envision 2050: Pass 'Il Quddiem Għal Komunitajiet Reżiljenti U Sostenibbli

Il-bini ta’ komunitajiet reżiljenti, inklussivi u sostenibbli huwa prijorità ċara f’diskussjonijiet reċenti li saru bħala parti mill-inizjattiva “Envision 2050 – Lejn Komunitajiet Reżiljenti”.

Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, iddeskriviet dawn il-mumenti bħala “laqgħat kruċjali” waqt li attendiet u indirizzat tliet sessjonijiet ta’ konsultazzjoni importanti mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Eżekuttivi tal-Kunsilli (ANSEK), kif ukoll ma’ rappreżentanti minn diversi dipartimenti u entitajiet governattivi li jaħdmu mill-qrib mal-Kunsilli Lokali.

Il-konsultazzjonijiet kienu mmirati lejn il-ħolqien ta’ strateġiji fit-tul li jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċjaw il-komunitajiet lokali. Zerafa Civelli saħqet li l-Gvern Lokali għandu rwol ċentrali f’din il-viżjoni, billi jservi bħala l-ewwel kuntatt dirett bejn iċ-ċittadin u l-awtoritajiet pubbliċi.





“Ir-reżiljenza fil-livell ta’ Gvern Lokali hija essenzjali biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, insaħħu l-inklużjoni soċjali, u nħarsu l-wirt u l-ambjent tagħna,” sostniet hija.

L-inizjattiva Envision 2050 hija eżempju ta’ kif l-ippjanar futuristiku jista’ jsir permezz ta’ kollaborazzjoni u impenn bejn entitajiet differenti. L-għan huwa wieħed komuni: li nħejju komunitajiet Maltin u Għawdxin għal sfidi futuri, b’mod li jippromwovi l-benesseri, il-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni tal-ambjent.

Dan l-approċċ miftuħ għall-konsultazzjoni huwa meqjus bħala pass importanti biex tinbena politika b’saħħitha, bbażata fuq il-ħtiġijiet reali tan-nies u fuq il-ħidma siewja ta’ dawk li jaħdmu kuljum fl-oqsma lokali.

Facebook / Alison Zerafa Civelli



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI