Ma' Gwida.mt għamlet kuntatt bint li għandha ommha anzjana li bħalissa mhux qed tirċievi t-terapija li għandha bżonn minħabba d-direttivi mogħtija t-terapisti li huma impjegati minn Steward Health Care System ġol-isptar Karen Grech.
Jidher li hemm xi diżgwit minħabba li t-terapisti li huma mpjegati mill-gvern għandhom kundizzjonijiet aħjar u dawn it-terapisti li bħalissa jinsabu jimxu mad-direttivi kienu mwiegħda numru ta' kundizzjonijiet li qatt ma mmaterjalizzaw.
F'kuntatt ma' Gwida.mt, din il-bint qalet li tinsab tassew frustrata minħabba li taf li ommha bħalissa ma tistax tirċievi t-terapija li tant għandha bżonn biex is-sitwazzjoni tagħha titjieb. Din il-bint ma tagħtix tort lit-terapisti anqas anzi tgħid li dejjem għamlu xogħol mill-aqwa.
Hi tagħme appell sabiex il-partijiet rilevanti jiddiskutu l-problema li hemm u jsibu soluzzjoni għad-diskrepanza li nħolqot bejn dawn il-ħaddiema. Dawn id-direttivi ilhom għaddejjin xahar u s-sitwazzjoni tal-pazjenti tista' biss tmur lura flok 'il quddiem.
Din il-bint qaltilna, "Ilhom isegwu direttivi għal madwar xahar sabiex iżda sal-lum l-ilmenti tal-familjari tal-pazjenti u l-pazjenti nfushom ma jidhrux li huma importanti għall-awtoritajiet rispettivi."
Google Maps