Ilbieraħ ir-Renju Unit ħabbar li se jkun qed jipparteċipa fil-Eurovision ta’ din is-sena bil-kanzunetta What The Hell Just Happened?, kantata mit-trio ferrieħi li jġib l-isem Remember Monday.
B’reazzjoni għal din il-kanzunetta, filwaqt li kien hemm għadd sostanzjali ta’ kummenti ta’ tifħir, setgħu jiġu nnutati wkoll ammont ta’ kummenti ta’ kritika li faħru minflok il-kanzunetta Maltija KANT filwaqt li esprimew id-diżappunt tagħhom għaċ-ċensura mħabbra mill-EBU.
“Safrattant lil KANT ma ħallejtuhix tipparteċipa… din ipokrezija sfrenata,” kkumentat persuna b’rabja, filwaqt li oħrajn saħqu li fil-fehma tagħhom KANT hija isbaħ u kkundannaw ukoll iċ-ċensura li affaċjat.
Uħud mill-kummenti ta’ protesta qanqlu reazzjonijiet ta’ eluf fuq il-mezzi soċjali wkoll, b’bosta jesprimu solidarjetà ma’ Malta.
Kien hemm ukoll bosta li fissru kif filwaqt li jifhmu d-diżappunt tal-poplu Malti, t-trio Ingliż li sa jkun qed jirrappreżenta lir-Renju Unit m’għandu l-ebda ħtija u m’għandux jiġi kritikat minħabba f’hekk.
Intom x’taħsbu?