Malta Tispiċċa Fit-Tielet Post Tal-Fan Vision Song Contest Li Sar F'Pajjiżna Fi Tmiem Il-Ġimgħa Li Għaddiet!

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, pajjiżna kien il-pajjiż li ospità l-Fan Vision Song Contest, festival mużikali annwali li jgħaqqad flimkien segwaċi tal-Eurovision minn diversi pajjiżi Ewropej. L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet organizzata minn OGAE Malta u saret ġewwa t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, fejn kien hemm atmosfera ta’ briju u ħbiberija internazzjonali.

Il-festival, li jiġbor fih esebizzjonijiet mużikali minn membri tal-klabbs OGAE, ġie ospitat f’Malta bħala rikonoxximent għar-rebħa ta’ Martina Fenech fis-sena 2024. Martina kienet irrappreżentat lil Malta fil-Ġermanja u kisbet l-ewwel post, b’wirja li ġiet milqugħa tajjeb kemm mill-ġurija kif ukoll mill-pubbliku fejn kantat Rise Like A Phoenix.





Għal din l-edizzjoni, 11-il klabb differenti minn madwar l-Ewropa ġew apposta f’Malta biex jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni, li mhux biss toffri spettaklu mużikali, iżda wkoll opportunità biex jinbnew rabtiet bejn il-komunitajiet tal-Eurovision f’diversi pajjiżi. Il-parteċipanti ppreżentaw varjetà ta’ stili u talenti, li kollha kienu ta’ livell u pprovdew serata ta’ divertiment għall-udjenza preżenti.

Wara votazzjoni mill-ġurija internazzjonali u l-vot tal-udjenza ir-rebħa finali marret għand OGAE Germany, li ġiet fil-quċċata tal-klassifika b’wirja impressjonanti tal-kanzunetta Tout L’Universe. It-tieni post intrebaħ mill-klabb tal-Isvizzera, filwaqt li Malta, irrappreżentata mill-kantanta żagħżugħa Krista Sujak, kisbet it-tielet post, riżultat ferm pożittiv li kompla jikkonferma l-potenzjal artistiku li għandha Malta f’dan il-qasam.



Krista, li ġiet milqugħa b’applaws sħiħ mill-udjenza wara l-performanza tagħha, wriet kemm talent kif ukoll preżenza fuq il-palk, u rnexxielha tirrappreżenta lill-klabb Malti b’dinjità u passjoni tant li rebħet il-vot tal-pubbliku li kien magħmul minn 60% ta’ udjenza barranija.

Dan il-festival ikompli juri kemm Malta hija kapaċi tilqa’ u torganizza avvenimenti kulturali ta’ livell Ewropew, u jgħin biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-potenzjal tal-artisti lokali fuq pjattaformi internazzjonali.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI