Li tkun sinjur fil-ħajja jaf ikun ta’ vantaġġ minn ċertu aspetti, iżda l-flus verament mhux kollox u għalkemm hawn min għandu ħafna, fil-verita m’għandu xejn. Permezz ta’ storja ħelwa, Ftit Minn Kollox qasmu mas-segwaċi tagħhom messaġġ sabiħ.
Huma qalu, “Naħdem ta' electrician. Darba waħda nirċievi telefonata mingħand sinjura anzjana li nqatgħalha d-dawl, u talbitni mmur għandha ħalli nsolvilha l-problema. Malli wasalt, is-sinjura anzjana fetħitli l-bieb, imgeżwra f’ġakketta, xalla u par ingwanti.Dħalt.”
Żiedu, “Ħassejt kesħa kbira ġewwa d-dar. Għandha madwar 80 sena, tgħix waħedha u jidher ċar li tgħix fil-faqar. Qattajt 3 sigħat nirranġalha s-sistema tal-elettriku għax kien inħaraq kollox. Pruvajt inżomm attitudni pożittiva, pruvajt niċċajta, anke jekk l-ambjent ta' darha juri biss dwejjaq. Fl-aħħar, ħarset lejja u qaltli: "Inti dejjem tidħaq?" Meta lestejtilha staqsietni kemm għandha tħallasni. Għedtilha li 50 ewro tajjeb (fil-verita' kont infaqt 43 ewro materjal imma xejn ma kien jimporta).”
Qalu wkoll, “Ħarġet karta tal-50 ewro minn kexxun, tathieli, sellimna lil xulxin u tlaqt. Mort id-dar b’piż kbir fuq il-kuxjenza. Ħassejtni maħmuġ talli ħadtilha dawk il-flus. Min jaf kellhiex biżżejjed flus sa ma tirċievi l-pensjoni li jmiss? L-għada filgħodu qbadt il-50 ewro, poġġejtha f'envelopp, soqt lejn id-dar tagħha u impustajtielha fil-letter box. Jien m'iniex sinjur, u ma rridx inkun.”