“Jekk Insalvaw Ħajja Waħda, Diġà Biżżejjed” – Glen Falzon Jaqsam Esperjenza Qawwija Dwar Saħħa Mentali

Il-ġurnalist u preżentatur lokali Glen Falzon qasam messaġġ qawwi u emozzjonanti fuq il-midja soċjali, fejn irrakkonta esperjenza li għex lejlet għeluq sninu u li, kif qal hu stess, qatt ma basar li se jiltaqa’ magħha.

Falzon spjega li ġie kkuntattjat minn student tiegħu, persuna li ma kienx jafha personalment. Għalkemm inizjalment ma setax iwieġeb mill-ewwel, ammetta li s-sitwazzjoni ħasditu u ħallietu mħawwad. Malli kellu l-opportunità, ċempillu u beda jitkellem miegħu.

Huwa rrakkonta kif, minkejja li mhuwiex psikologu jew psikjatra, insista biex jisma’ u jħalli lill-persuna tiftaħ qalbha. “Qgħadt nisimgħu. M’għamilt xejn iżjed minn hekk. Ħallejtu jiżvoga. Miegħi. Ma ġġudikajtx,” kiteb Falzon.



B’mod dirett u responsabbli, staqsieh ukoll jekk kienx qed jaħseb li jneħħi ħajtu, kif jirrakkomandaw il-professjonisti f’dawn iċ-ċirkustanzi. Wara d-diskussjoni, il-persuna rrealizzat li l-ħajja m’għandhiex prezz, u Falzon iggwidah biex ifittex l-għajnuna professjonali meħtieġa.



Glen Falzon iddeskriva dan bħala “l-isbaħ rigal” li seta’ jirċievi f’okkażjoni ta’ għeluq sninu. Huwa saħaq li qasam din l-esperjenza mhux biex ifittex tifħir, iżda biex iqajjem aktar għarfien. “Biex jekk jirnexxielna, bħala soċjetà, insalvaw ħajja, diġà bizzejjed,” sostna.



Fil-messaġġ tiegħu, Falzon appella biex in-nies jitkellmu u ma jżommux kollox ġo fihom, filwaqt li enfasizza li teżisti l-għajnuna u li s-saħħa mentali mhix ċajta, speċjalment fi żminijiet sensittivi bħall-istaġun tal-festi.

Il-messaġġ tiegħu ntemm b’appell ċar u uman: “Ħudu ħsieb.”

Ritratti:

Facebook / Glen Falzon

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI