Għaddew 27 sena minn meta xxandret għall-ewwel darba, iżda One Star Hotel għadha sal-lum maħbuba immens mill-poplu Malti. Sensiela li ma kinitx sempliċement programm televiżiv, imma parti mill-ħajja ta’ kuljum ta’ tant familji Maltin, u tifkira ħajja ta’ żmien li għal ħafna jibqa’ speċjali ħafna.
Ilbieraħ reġgħu ixxandru l-episodji kollha tas-sensiela, u skont l-informazzjoni li għandhom F Living, eluf ta’ familji reġgħu nġabru quddiem it-televiżjoni biex jgħixu mill-ġdid memorji sbieħ ta’ dawk is-snin. Kien hemm żmien fejn Malta kienet kważi tieqaf it-Tnejn filgħaxija, hekk kif kulħadd kien jistenna bil-ħerqa li jibda One Star Hotel.
Dawk kienu snin fejn it-televiżjoni kienet tlaqqa’ lin-nies flimkien. Familji sħaħ kienu joqogħdu quddiem l-iskrin biex jidħku, jiddieħku u kultant anke jitqanqlu emozzjonalment. Il-karattri ta’ Maurizio, Flavia, Gianina u Censinu ma kinux biss fuq it-TV, imma saru kważi bħallikieku membri tal-familja ta’ kull min kien isegwi s-sensiela.
Is-suċċess u l-imħabba li One Star Hotel għadha tirċievi sal-lum huma frott l-awtentiċità tagħha. Sensiela li rriflettiet is-soċjetà Maltija kif inhi, bil-ġrajjiet ta’ kuljum, bid-daħk u bl-isfidi li ħafna setgħu jirrelataw magħhom.
F’dan il-mument F Living jgħidu li ma jistgħux ma jsemmux, b’ringrazzjament u rispett kbir, lill-awtur u l-moħħ kreattiv wara din is-sensiela, il-mibki iżda qatt minsi Lino Grech. Il-wirt li ħalla warajh għadu jgħix, u se jibqa’ jgħix, permezz ta’ One Star Hotel u l-post speċjali li għandha fil-qalb tal-poplu Malti.
Facebook / F Living