“Aymen Għadu Ħaj” – Xhieda Qawwija U Onesta Dwar Il-Ġlieda Mas-Saħħa Mentali

Post emozzjonanti u profond ippubblikat fuq il-midja soċjali minn Aymen Grech Pace fetaħ tieqa rari u onesta fuq dak li jgħaddu minnu ħafna nies fis-skiet, id-dipressjoni, l-ansjetà severa u l-ġlieda interna li ħafna drabi ma tidhirx minn barra.

“Meta nieqaf u nħares lura, nitbissem. Ftit ilu kont konvint li telaq kulħadd, li spiċċa kollox,” jibda jikteb Aymen, waqt li jfakkar perjodu mudlam f’ħajtu fejn “f’moħħi kienet għaddejja gwerra ta’ orrur li ħadd ma seta’ jifhem”.

Huwa jiddeskrivi kif, minflok empatija, kultant sab ruħu jiffaċċja ġudizzju u kummenti li żiedu l-piż fuq dak li kien diġà qed iġorr. “Kont imħassar minn ġewwa, kollox kont nara ikrah, saħansitra nies qrib tiegħi,” jikteb, waqt li jammetti li beda jinqata’ minn ħbieb u anke minn affarijiet li darba kienu jagħtuh gost.

Fost id-dettalji li jolqtu ħafna, Aymen isemmi kif saħansitra tilef l-interess f’passjoni kbira tiegħu, “Kont norqod waqt logħbiet importanti tal-Ħamrun, anke fl-aqwa mumenti. Il-festa tal-Ħamrun? Qatt ma dehert.” Affarijiet li għalih kienu sors ta’ ferħ, “setgħu ma baqgħux isiru għalija”.

Huwa jispjega kif, f’dak il-perjodu, aktar kien f’kuntatt mal-professjonisti mediċi milli man-nies ta’ kuljum. Madankollu, f’nofs id-dlam, kien hemm ukoll mumenti ta’ umanità u solidarjetà li għamlulu differenza kbira. “Kien hemm kollegi, inkluż ta’ fuqi, li llum naf li mhux biss fehmuni — imma salvawli xogħoli,” jikteb, waqt li jirrakkonta episodju fejn kollegi marru jfittxuh f’nofs ta’ lejl għax beżgħu li seta’ wasal fit-tarf.

Il-kitba tiegħu tmiss ukoll mal-istigma soċjali. “Festini, attivitajiet, stediniet… lanqas kelli biss l-iċken ħajra li mmur. Kien hemm min ħa għalih,” jgħid, u jfakkar kliem li weġġgħu, bħal meta qalulu li kien qed jonqos mir-rispett. “F’dawk il-mumenti kont qed niġġieled battalja li ħadd ma kien jara.”



Ironikament, waqt li kien qed jieħu sehem f’intervista dwar is-saħħa mentali biex titqajjem kuxjenza, induna li ħafna mis-sintomi deskritti kienu diġà hemm fih. Madankollu, dik l-esperjenza wasslet biex isalva ħajja ta’ persuna oħra. “Jien, sħabi l-kollegi u Mario salvajna ħajja. Ta’ dan nibqa’ kburi dejjem. Inħares lejn Alla u ngħidlu grazzi,” jikteb.



B’onestà kbira, Aymen jammetti li wieħed mill-ikbar żbalji tiegħu kien li ma rrealizzax kmieni biżżejjed li dak li kien għaddej minnu ma kienx fażi oħra. “Din kienet depression… finali, partitissima kbira li kienet qed tintlagħab ġewwa moħħi, u ħafna drabi kont qed nitlifha b’ħafna goals,” jikteb b’metafora li tispjega l-intensità tal-ġlieda.

Huwa jsemmi sintomi li ħafna drabi jibqgħu moħbija, “Dwejjaq li jdumu ġurnata sħiħa, nuqqas ta’ konċentrazzjoni, biki fis-skiet,” u jfaħħar l-irwol ta’ ommu, li anke b’ġesti żgħar kienet tgħinu jżomm dinjità f’mumenti diffiċli.

Aymen jenfasizza li qed jikteb mhux biex dak li jkun jitħassru, imma biex jixhed u jqajjem kuxjenza. “Nitkellem spiss fuq is-saħħa mentali u ma niddejjaqx nitkellem fuqi nnifsi,” jgħid, waqt li jiddeskrivi d-dipressjoni bħala “vulkan sieket: ħafna drabi jidher kwiet, imma meta jiżbroffa jagħmel ħafna ħsara”.

Fl-aħħar, huwa jiskuża ruħu ma’ dawk li setgħu ħassewhom imweġġgħin, u jirringrazzja lil dawk li baqgħu miegħu. “Aymen għadu ħaj,” jikteb b’qawwa. “Anke jekk kien hemm mumenti fejn ħaseb li jarmi x-xugaman.”

Il-messaġġ tiegħu jagħlaq b’appell ċar u uman lejn kulħadd, “U int, ħabib jew ħabiba, x’ser tagħmel? Fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama… Sakemm għadna hawn, hemm għalfejn nibqgħu niġġieldu.” Kitba li tfakkarna li ħafna battalji ma jidhrux, imma kelma waħda, ġest żgħir jew ftit empatija jistgħu jfissru differenza bejn it-telfa u t-tama.



Ritratti:

Facebook / Aymen Grech Pace

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI