“Il-Kura Tal-Abort Hija Parti Integrali Mis-Saħħa U L-Benesseri Tan-Nisa … Il-Waqt Għall-Azzjoni Huwa Issa” – Moviment Graffiti

Riċentament, il-Prim Ministru ta’ Malta tkellem ma’ MaltaToday fejn qal li l-ebda mara mhi ser tidħol il-ħabs għax għamlet abort sakemm hu jkun Prim Ministru. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Moviment Graffiti tkellmu dwar dan.

Huma qalu, “Ilbieraħ filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela qal lill-MaltaToday, waqt laqgħa informali, li l-ebda mara mhi se tidħol il-ħabs għax għamlet abort sakemm ikun hu Prim Ministru. Filwaqt li nirrikonoxxu din id-dikjarazzjoni bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, inħeġġu lill-Prim Ministru biex jifformalizza din il-pożizzjoni u jiddekriminalizza l-abort f’kull każ, għall-persuni tqal kollha kif ukoll għall-professjonisti tas-saħħa.”

Żiedu, “Dawk li jkollhom bżonn jagħmlu abort f’Malta ma jixirqilhomx ħlief id-dekriminalizzazzjoni totali tal-abort – l-ebda mara jew professjonist tas-saħħa m’għandhom ikunu akkużati minħabba abort jew jingħataw xi forma ta’ piena, u kif qal Robert Abela, żgur li ma ħaqqhomx jintbagħtu l-ħabs. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li n-nisa li jaċċessaw l-abort ma jintbagħtux il-ħabs m’għandhiex tiddependi biss mid-diskrezzjoni tal-Prim Ministru. Il-liġi Maltija trid tirrifletti s-sentiment dejjem jikber li l-abort mhuwiex reat. Biss permezz ta’ dekriminalizzazzjoni sħiħa biss nistgħu niggarantixxu s-sigurtà legali u soċjali ta’ dawk li jfittxu aċċess għal din il-proċedura medika.”

Qalu wkoll, “Abela spjega wkoll li ma jħossux komdu li n-nisa akkużati li aċċessaw il-kura tal-abort jingħataw sentenzi sospiżi. Madankollu, sa ftit ilu, f’Lulju tal-2025, mara Maltija ġiet akkużata u kkundannata għal sentenza ta’ 22 xahar ħabs, li tnaqqset għal sentenza sospiża ta’ sentejn, talli xtrat pilloli tal-abort online.”

Komplew, “Il-kura tal-abort hija parti integrali mis-saħħa u l-benesseri tan-nisa. Meta Malta tkompli tiċħad lin-nisa l-aċċess għal abort sigur u tikriminalizzahom għal dan, qed inżidu r-riskju ta’ prattiki ta’ abort u ppjanar tal-familja li mhumiex siguri u li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-ħajja, filwaqt li nkomplu nkabbru l-istigma li hemm fir-rigward tal-ġisem u s-saħħa tan-nisa. Il-waqt għall-azzjoni huwa issa.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI