Il-Każin Banda San Nikola Siġġiewi A.D 1883 fuq il-mezzi soċjali jsellmu l-memorja ta’ Carmelo Callus. Huma jiktbu, “Insellmu l-memorja tas-Surmast Carmelo Callus li għadda għall-ħajja ta’ dejjem ilbieraħ. Il-Kumitat iwassal il-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu, qraba u ħbieb. Agħtih O Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta ‘dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.”
Huma jagħtu wkoll naqra informazzjoni dwaru fejn jiktbu li Mro Carmelo Callus twieled is-Siġġiewi minn familja ta’ mużiċisti li kollha kienu jdoqqu xi strument mal-Każin Banda San Nikola. Sa minn età żgħira wera talent straordinarju għall-mużika, u meta kellu biss ħames snin beda jdoqq il-kwartin mal-Banda San Nikola. Aktar ’il quddiem studja l-pjanu u l-vjolin, u kompla jsaħħaħ il-formazzjoni mużikali tiegħu.
Bħala vjolinista, Callus kiseb suċċess kbir u saħansitra kien solista mal-Malta Symphony Orchestra kif ukoll mal-Manoel Orchestra. Bejn l-1956 u l-1962 serva bħala surmast tal-Banda San Nikola, fejn ta kontribut sinifikanti lill-ħajja mużikali tal-lokalità.
Mro Callus kien kompożitur prolifiku u kiteb għadd kbir ta’ xogħlijiet mużikali għall-orkestra f’diversi forom. Ikkompona wkoll numru sostanzjali ta’ biċċiet għall-banda, fosthom marċi allegri, marċi funebri u innijiet reliġjużi. Huwa speċjalizza b’mod partikolari fil-mużika sagra.
Tul il-karriera tiegħu serva bħala organista fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi, fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll fil-Knisja tat-Trinità fis-Siġġiewi. Għal 30 sena kien ukoll direttur mużikali tal-Malta Society of Arts, Manufactures and Commerce.
Barra minn hekk, Callus kien għalliem tal-mużika fi skejjel tal-gvern u għallem mijiet ta’ studenti f’kull livell u kważi kull strument, u ħalla impatt qawwi fuq ġenerazzjonijiet ta’ mużiċisti Maltin.