Il-kantanta Maltija Kayley Cuschieri ħabbret aħbar sabiħa fuq il-mezzi soċjali hekk kif qalet iva lill-maħbub tagħha Luke, biex miegħu tibda kapitlu ġdid f’ħajjitha.
F’ritratt romantiku li qasmet mas-segwaċi tagħha, Kayley kitbet sempliċiment, “L-iktar iva faċli”, kliem li juri kemm din id-deċiżjoni kienet waħda ċerta u mimlija mħabba.
Kayley hija wiċċ magħruf fix-xena mużikali Maltija. Tul is-snin rajnieha tipparteċipa fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, kif ukoll fil-Għanja tal-Poplu fejn uriet il-ħila vokali u interpretattiva tagħha. Barra minn hekk, kienet ukoll parti mill-grupp Kwinti fil-festival Mużika Mużika, esperjenza li kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha fuq il-palk.
Din l-aħbar wasslet għal bosta messaġġi ta’ ferħ u awguri minn segwaċi u ħbieb tagħha, li awgurawlha kull ġid f’dan il-vjaġġ ġdid flimkien ma’ Luke. Minn suċċessi mużikali għal mument personali daqstant speċjali, jidher li Kayley qed tgħix perjodu sabiħ kemm fil-karriera kif ukoll fil-ħajja privata tagħha.
Facebook / Kayley Cuschieri