Il-Protezzjoni Ċivili Ta’ Malta ħarġet twissija importanti hekk kif riħ mill-Punent Majjistru mistenni jkun qawwi u jilħaq forza ta’ gale f’ċerti ħinijiet, b’mod partikolari fuq iż-żoni esposti tal-Gżejjer Maltin.
Skont l-awtoritajiet, it-twissija hija valida sa nofsinhar u tista’ tiġġedded skont l-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Inħarġet Orange Warning, li tfisser li l-kundizzjonijiet tat-temp jistgħu joħolqu riskju serju għas-sigurtà pubblika.
Ir-riħ qawwi jista’ jġib miegħu kundizzjonijiet diffiċli kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, b’mewġ qawwi u perikoluż b’mod speċjali tul il-kosta u l-breakwaters. Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ biex jevita li joqgħod jew jersaq lejn ix-xatt u żoni kostali sakemm tgħaddi din il-maltempata.
Il-Protezzjoni Ċivili qed tirrakkomanda wkoll li wieħed jevita xogħol f’għoli bħal fuq il-bjut, gallariji, scaffolding u strutturi esposti, minħabba r-riskju ta’ buffuri qawwija li jistgħu jkunu perikolużi. Oġġetti barra li mhumiex imwaħħlin sew għandhom jiġu assigurati biex ma jinġarrux mir-riħ.
Is-sewwieqa huma mwissija biex isuqu b’attenzjoni akbar, speċjalment f’toroq miftuħa u esposti fejn jistgħu jseħħu crosswinds f’daqqa.
L-awtoritajiet qed jappellaw lill-pubbliku biex isegwi l-aġġornamenti uffiċjali u jimxi mal-istruzzjonijiet maħruġa hekk kif is-sitwazzjoni tista’ tinbidel tul il-ġurnata. Is-sigurtà tibqa’ l-prijorità ewlenija f’kundizzjonijiet bħal dawn.