Rekord nazzjonali ġdid ġie stabbilit waqt il-programm televiżiv Bonġu Malta, hekk kif il-paġna ta’ The Malta Records qasmet dettalji dwar din il-kisba li seħħet fir-raħal pittoresk tal-Imqabba.
Fil-messaġġ tagħhom fuq il-midja soċjali, The Malta Records spjegaw li kienu preżenti fl-Imqabba biex jippreżentaw rekord nazzjonali ġdid waqt ix-xandira diretta tal-programm fuq TVM. Ir-rekord kien relatat ma’ sfida mhux tas-soltu: l-itwal ħin li persuna bbilanċjat skuter tat-tfal fuq geddumha.
Din il-kisba saret minn Alfred Mifsud, li rnexxielu jibbilanċja skuter tat-tfal b’tul ta’ 74 ċentimetru u wisa’ ta’ 51 ċentimetru fuq geddumhu għal minuta u 10.57 sekondi (1:10.57). Dan il-ħin kien biżżejjed biex jiġi rikonoxxut bħala rekord nazzjonali ġdid.
Il-paġna qalet, “L-itwal ħin li persuna bbilanċjat skuter tat-tfal b’daqs ta’ 74 cm b’51 ċentimetru fuq geddumha… The Malta Records ninsabu ferm onorati li tajna dan ir-rikonoxximent lil Alfred li fl-2015 ġewwa Rimini fl-Italja, flimkien ma’ 134 illużjonist u magician ieħor, kien wettaq rekord dinji f’serata fejn kull wieħed u waħda minnhom kienu għamlu skeċċ f’sekwenza.”
Din il-wirja waqt Bonġu Malta kompliet iżżid mal-lista ta’ rekords li qed jiġu rikonoxxuti minn The Malta Records, filwaqt li tesponi t-talent u l-kreattività ta’ individwi Maltin.