Storja oħra li tqanqal riflessjoni dwar il-ħajja bid-diżabbiltà qed tiġi maqsuma mill-eks Membru Parlamentari Oliver Scicluna, li fetaħ qalbu dwar l-esperjenzi personali tiegħu tul is-snin.
Fil-kitba tiegħu, Oliver jirrakkonta kif illum għandu kważi 40 sena u twieled bil-kundizzjoni tal-ispina bifida, fi żmien meta r-rata ta’ tfal li jitwieldu b’din il-kundizzjoni kienet ferm ogħla mil-lum. Huwa jfakkar l-isfidi li kellu jaffaċċja flimkien mal-ġenituri tiegħu, fosthom diffikultajiet biex jiġi aċċettat f’diversi skejjel, sakemm fl-aħħar sab postu fl-iskola Primarja tal-Kalkara li laqgħatu.
Huwa jenfasizza li minkejja li saru passi kbar ‘il quddiem fl-aħħar snin, speċjalment fejn jidħlu servizzi relatati mad-diżabbiltà, dak iż-żmien ftit li xejn kien jeżisti appoġġ. Skont Oliver, il-ħajja nbidlet u evolviet, iżda l-isfidi soċjali tal-lum qed joħolqu bżonnijiet ġodda li jeħtieġu aktar attenzjoni u azzjoni konkreta.
F’dan il-kuntest, huwa jappella biex il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà tibqa’ tiggwida s-soċjetà permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tagħha, sabiex kulħadd ikun jista’ jgħix b’dinjità u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Oliver iwissi wkoll kontra soluzzjonijiet faċli u temporanji, filwaqt li jenfasizza l-bżonn ta’ pjan fit-tul ibbażat fuq prinċipji ċari u konsistenti. Huwa jsostni li hemm bżonn approċċ wieħed u magħqud biex is-settur jimxi ‘l quddiem b’mod sostenibbli.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, huwa jesprimi x-xewqa li fejn qed isir xogħol tajjeb, dan ikompli jissaħħaħ, iżda fejn hemm nuqqasijiet, għandu jkun hemm il-kuraġġ li jsir pass lura u tinbidel id-direzzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.
Facebook / Oliver Scicluna