Ilkoll maħsuda bl-aħbar li ħalliena l-Maestro Aurelio Belli.
Aurelio, mrobbi l-Ħamrun, miżżewweġ lill-kantanta lokali Gloriana Arpa Belli, u flimkien għandhom lil binthom Alexandra.
Aurelio kien beda l-istudji tiegħu fuq l-euphonium fl-età ta’ disa’ snin man-nannu tiegħu Louis Olivari.
Jibqa’ magħruf għal kemm kien attiv ma’ diversi baned lokali kif wkoll ma’ ensembles bħal Versatile Brass fost l-oħrajn.

Ritratt: Facebook/ Aurelio Belli
F’Ottubru tal-2013, Aurelio ġie mistieden biex jagħmel l-arranġamenti mużikali għall-live band fil-Konkors Kanzunetta Internazzjonli ta’ Malta, fejn huwa idderieġa lil tnax-il pajjijż barrani.
Aurelio kien magħruf ukoll bħala arranġatur mużikali, ta sehmu fi ħdan l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta, u ħa ħsieb l-arranġamenti mużikali għal wieħed mill-akbar kunċerti li jsiru f’Malta, Rockestra.
F’Marzu konna qed narawh jidderieġi diversi kanzunetti waqt Muzika Muzika.
Tkellem dwar dak li għadda minnu kemm-il darba, speċjalment f’dawn l-aħħar snin, bil-għan li jqajjem kuxjenza u jappoġġja lil ħaddieħor.
Aħna kellna ċ-ċans insiru nafu aktar dwaru u dwar dan il-perjodu iebes waqt il-poddata ta’ Kellymni.
Insellmulek Maestro. Strieħ fis-sliem. Kondoljanzi minn qalbna lil Gloriana, Alexandra u l-familjari, qraba u ħbieb kollha tiegħu.
Facebook/ Aurelio Belli