Ben Salnitro B’Rekord Fil-Kategorija U20 u U23 Fil-110m Hurdles

Atleti

L-isprints u l-hurdles ħadu l-attenzjoni prinċipali fit-tieni Challenge Meeting organizzat minn Athletics Malta fit-trakka tal-Marsa.

Ben Salnitro wettaq prestazzjoni eċċezzjonali, fejn minkejja li għadu fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena, ikkompeta fil-110m hurdles fil-kategorija tal-kbar (hurdles ta’ 107ċm).

Huwa rreġistra ħin ta’ 14.94s biex irreġistra rekord nazzjonali ġdid fil-kategoriji Under 20 u Under 23.

Filwaqt li issa huwa kwalifika għall-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar, Salnitro issa se jkun qed jfittex li jikkwalifika għall-kampjonati dinjija tal-Under 20, permezz tal-hurdles adattati għall-età, jiġifieri dawk b’għoli ta’ 99ċm.



Fil-100m tan-nisa, Claire Azzopardi kisbet l-aqwa ħin b’ġirja stupenda fejn rebħet b’11.77s. B’hekk hija laħqet l-istandard minimum biex tikkwalifika għal bosta kompetizzjonijiet maġġuri, fosthom il-Kampjonati tal-Balkani u l-Logħob tal-Medietteran.



Thea Parnis Coleiro temmet it-tieni b’12.03s, bl-eżatt quddiem Charlotte Wingfield, li kellha ħin ta’ 12.04s.

Parnis Coleiro reġgħet lura fit-trakka għall-200m, fejn din id-darba rebħet b’ħin importanti ta’ 24.30s, biex b’hekk kisbet l-istandard ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Dinjija U20, kisba ferm importanti għall-atletika Maltija.

Fil-100m irġiel, Omar El Aida Chaffey temm l-ewwel b’ħin veloċi ta’ 10.71s, quddiem Graham Pellegrini li b’10.75s kiseb l-aqwa ħin personali tiegħu. Jacob El Aida Chaffey kiseb it-tielet post b’10.95s.

Barra minn xutna, Jared Micallef kompla jimpressjona din id-darba fil-Kampjonati Awstraljani f’Sydney Olympic Park, fejn temm fil-ħames post fit-800m b’ħin ta’ 1:47.83.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI