Benedittu Productions, fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja ta’ Kirkop, bi pjaċir iħabbru l-produzzjoni teatrali Page 16, xogħol emozzjonanti u intens li se jittella’ fis-7 ta’ Mejju 2026 fis-19:00 fit-teatru tal-iskola.
Page 16 hija produzzjoni multidixxiplinari li tħares lejn id-dinja interna ta’ Martina, tfajla ta’ 16-il sena li qed tgħaddi minn sfidi relatati mal-identità tagħha, l-iżolament emozzjonali u l-pressjonijiet tal-adolexxenza moderna. Permezz ta’ taħlita ta’ vuċi rrekordjata, mime, koreografija u moviment simboliku, il-produzzjoni tmiss temi importanti bħas-saħħa mentali, il-bullying, problemi fil-familja, dipendenzi u l-ġlieda bejn l-iżolament u s-sens ta’ appartenenza.

Dak li jagħmel din il-produzzjoni tassew unika huwa l-fatt li hija maħluqa kompletament mill-istudenti — mill-idea inizjali sal-prestazzjoni finali, bl-appoġġ u l-gwida tal-għalliema. B’hekk, tirrifletti b’mod ġenwin il-vuċijiet, l-esperjenzi u l-perspettivi taż-żgħażagħ stess.
Matul is-serata, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità jsegwi t-tnedija ta’ vidjow mużikali oriġinali, ibbażat fuq kanzunetta maħluqa mill-istudenti bħala parti minn dan il-proġett kreattiv.
Wara l-produzzjoni, se jsir forum ta’ diskussjoni mmexxi minn Peppi Azzopardi, li se joffri spazju miftuħ għar-riflessjoni u d-djalogu dwar it-temi li jkunu tqajmu. Il-pubbliku ġenerali, inklużi żgħażagħ u ġenituri, huma mistiedna jattendu u jipparteċipaw.
Page 16 twassal messaġġ ċar u qawwi: iż-żgħażagħ mhux dejjem ifittxu soluzzjonijiet, imma għandhom bżonn li jidhru, jinstemgħu u jiġu mifhuma. Id-dħul se jkun b’donazzjoni b’risq Richmond Foundation.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lil Benedittu Productions jew lill-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja ta’ Kirkop.
Facebook / Benedittu Productions