GreenPak Cooperative Society, l-Organizzazzjoni tar-Responsabbiltà tal-Produttur (PRO) f’Malta għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-batteriji, irnexxielha tesporta 116-il tunnellata (116,000 kilo) ta’ batteriji portabbli ta’ skart għar-riċiklaġġ, ammont li jikkorrispondi għal madwar 6 miljun batterija. Dan ir-riżultat jikkostitwixxi pass importanti fuq livell nazzjonali fil-ħarsien tal-ambjent u fl-irkupru effiċjenti tar-riżorsi.

Dan il-kisba tirrifletti t-titjib kontinwu fis-sistema nazzjonali ta’ ġbir tal-batteriji ta’ GreenPak, li qed tiżgura li r-riċiklaġġ jibqa’ faċli, sigur u aċċessibbli għal kulħadd. Parteċipazzjoni qawwija ġiet irreġistrata minn skejjel, supermarkets, kunsilli lokali, kartoleriji, ħwienet u diversi negozji, li kollha qed juru impenn dejjem jikber lejn rimi responsabbli tal-iskart madwar Malta u Għawdex.

Għalkemm żgħar fid-daqs, il-batteriji portabbli fihom sustanzi perikolużi, u għalhekk huwa kruċjali li jinġabru u jiġu riċiklati b’mod korrett biex jiġi mħares l-ambjent u jiġi promoss użu sostenibbli tar-riżorsi. Ir-riċiklaġġ ta’ dawn il-116-il tunnellata wassal għal benefiċċji ambjentali sinifikanti, inkluż l-evitar ta’ madwar 18.1 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO₂ u ekwivalenti għat-tħawwil ta’ aktar minn 295 siġra.
Dan is-suċċess huwa wkoll marbut mal-kampanja kontinwa ta’ GreenPak “Batteries for Hospice”, li tgħaqqad ir-responsabbiltà ambjentali ma’ impatt soċjali konkret. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-ġbir ta’ batteriji użati qed jgħin biex jappoġġja lil Hospice Malta, filwaqt li jsaħħaħ l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-komunità flimkien mal-azzjoni ambjentali. Sal-lum, din il-kampanja ġabret €22,000 b’risq Hospice Malta.
GreenPak topera netwerk estensiv ta’ aktar minn 1,000 punt ta’ ġbir madwar Malta u Għawdex, li jagħmilha aktar faċli għall-pubbliku biex jarmi batteriji użati b’mod sigur. Il-postijiet kollha tal-ġbir jistgħu jinstabu fuq batterybin.mt.
Peress li kull sena jitqiegħdu miljuni ta’ batteriji fis-suq Malti, id-devjazzjoni ta’ dan l-iskart mill-landfill tibqa’ prijorità essenzjali. GreenPak tħeġġeġ lill-pubbliku biex ikompli jagħmel użu mis-sistema tagħha u jieħu sehem attiv fil-ħarsien tal-ambjent ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li jikkontribwixxi għal ekonomija aktar ċirkolari u sostenibbli.