Wara t-tħabbira uffiċjali tal-Elezzjoni Ġenerali li se ssir fit-30 ta’ Mejju 2026, MATSEC Examinations Board informa lill-kandidati kollha dwar bidliet importanti fl-iskeda tal-eżamijiet u f’xi postijiet fejn se jsiru.
L-eżamijiet tal-Ġimgħa, 29 ta’ Mejju, se jsiru kif ippjanat, iżda xi kandidati se jkun qed jinbidlilhom il-post. Dawk li kienu skedati biex jagħmlu l-eżamijiet ġo St Theresa College, Vincenzo Borg Brared Middle School f’Birkirkara issa jridu jmorru St Ignatius College, Mikiel Anton Vassalli Secondary School.
Kandidati oħra li kellhom f’Maria Regina College, Żokrija Secondary School se jibqgħu fl-istess skola iżda tinbidel il-blokka fejn jagħmlu l-eżami. Il-postijiet l-oħra kollha jibqgħu l-istess.
Fir-rigward tas-Sibt, 30 ta’ Mejju, ġie deċiż li ma jsirux eżamijiet f’dik il-ġurnata. L-eżamijiet kollha li kienu skedati għal dak il-jum, speċjalment fil-qasam tal-Arti, ġew imċaqalqa għal ġranet oħra, prinċipalment għall-1 u t-2 ta’ Ġunju, f’ħinijiet differenti iżda fl-istess postijiet oriġinarjament assenjati lill-kandidati.
MATSEC Examinations Board ħeġġeġ lill-istudenti biex jivverifikaw l-arranġamenti l-ġodda u jagħmlu kuntatt permezz tal-email f’każ ta’ xi dubji.
Fl-istess ħin, skużaw ruħhom għal kull inkonvenjent u awguraw kull suċċess lill-kandidati fl-eżamijiet li ġejjin.