Festa Ħaddiem Tirritorna B’Edizzjoni Akbar U Divertiment Għal Kulħadd

Se terġa’ lura għal sena oħra waħda mill-attivitajiet li qed tiġbed l-attenzjoni tal-familji Maltin, hekk kif it-tieni edizzjoni ta’ Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works se tittella’ dan is-Sibt 2 u l-Ħadd 3 ta’ Mejju fit-Ta’ Qali Concert Area.



L-avveniment, li jibda mill-10:00 ta’ filgħodu ‘l quddiem, u se jkun mimli attivitajiet varjati li jindirizzaw kemm lit-tfal kif ukoll lill-ġenituri. Fost l-attrazzjonijiet se jkun hemm shows ta’ Disney kull 45 minuta, face painting, kastelli li jaqbżu, karting għat-tfal, kif ukoll logħob sportiv bħal football u futsal. Barra minn hekk, se jiġu organizzati wkoll workshops kreattivi fejn it-tfal jistgħu jipparteċipaw u jesprimu t-talenti tagħhom b’mod interattiv.



Element li jagħmel dan l-avveniment differenti huwa l-preżenza tal-ħaddiema tal-Public Works, li se jkunu qed jagħtu dimostrazzjonijiet live tax-xogħol u s-snajja tagħhom. Din toffri esperjenza edukattiva u interessanti li turi aktar mill-qrib ix-xogħol li jsir kuljum minn dawn il-professjonisti.



Naturalment, ma jonqsux l-għażliet ta’ ikel u xorb, flimkien ma’ divertiment live li se jżomm l-atmosfera vivaċi tul il-ġurnata kollha. Hekk kif jgħaddi l-ħin u jasal is-18:00, l-attività tinbidel f’waħda aktar rilassata, b’mużika minn talenti lokali u ambjent ideali biex wieħed jistrieħ waqt li t-tfal jibqgħu jgawdu ż-żona ddedikata għalihom.

Wieħed mill-akbar vantaġġi ta’ dan l-avveniment huwa li d-dħul huwa kompletament bla ħlas, fatt li jagħmilha opportunità ideali għal familji u gruppi ta’ ħbieb biex iqattgħu weekend differenti mimli gost, tagħlim u memorji sbieħ.

Organizzat minn Public Works Department Malta, Festa Ħaddiem qed tkompli tissaħħaħ bħala avveniment li jiċċelebra kemm il-komunità kif ukoll il-ħidma u l-kreattività tal-ħaddiema Maltin.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI