Il-Gozo Tourism Association laqgħet b’sodisfazzjon l-inawgurazzjoni tas-servizz ġdid tal-fast ferry li jgħaqqad lil Għawdex ma’ Bugibba u Sliema.
Skont l-assoċjazzjoni, dan is-servizz qed joffri mezz addizzjonali ta’ trasport bil-baħar li se jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer. Filwaqt li dan huwa ta’ benefiċċju għall-pubbliku inġenerali, is-settur turistiku f’Għawdex mistenni jgawdi aktar minn din l-inizjattiva.
L-assoċjazzjoni ilha tappoġġja l-iżvilupp ta’ aktar għażliet ta’ trasport bejn il-gżejjer, u nnutat li din il-konnessjoni diretta u aktar veloċi ma’ żoni turistiċi popolari tista’ tattira mhux biss turisti li joqogħdu f’dawn il-lokalitajiet, iżda wkoll vjaġġaturi lokali u Għawdxin li qed ifittxu qsim aktar rapidu.
Madankollu, ġie rrimarkat ukoll li ż-żieda fl-attività mistennija tista’ tpoġġi aktar pressjoni fuq il-port tal-Imġarr, li diġà huwa wieħed impenjattiv. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet bħal aktar spazju għall-irmiġġ u żvilupp ta’ terminal adegwat għall-passiġġieri tal-fast ferry.
Fost il-proposti msemmija hemm ukoll il-possibbiltà li operazzjonijiet tal-fast ferry fil-futur jitmexxew lejn il-port ta’ Marsalforn.
Il-Gozo Tourism Association faħħret ukoll l-isforzi kontinwi tal-Gvern biex itejjeb il-konnettività bil-baħar, iżda saħqet li issa wasal iż-żmien li jingħata prijorità lill-iżvilupp infrastrutturali fil-portijiet ta’ Għawdex, sabiex dawn ilaħħqu maż-żieda fil-moviment tal-passiġġieri bejn iż-żewġ gżejjer.
Facebook / Gozo Highspeed