Kull elezzjoni f’Malta ġġib magħha l-istess sitwazzjoni għal ħafna Maltin li jgħixu barra. Malli titħabbar id-data tal-vot, jibdew jistaqsu lil xulxin jekk humiex se jinżlu lura Malta biex jivvutaw.
Ħafna jaħsbu li dawn qed jiġu għal btala b’xejn, iżda r-realtà hija differenti. Għal ħafna, il-proċess biex tibbukkja titjira sussidjata huwa diffiċli u frustranti. Diversi persuni li tkellmu magħna qalulna li għamlu ħin twil jipprovaw jaqbdu, biex jipprovaw jinżlu Malta sabiex jivvotaw!
Din mhix problema ta’ flus jew kapriċċ. Ħafna huma lesti jħallsu huma stess biex jiġu jivvutaw, iżda mhux dejjem isibu postijiet disponibbli jew jistgħu jieħdu leave mix-xogħol. Il-verità hi li, għalkemm għandhom id-dritt jivvutaw, il-proċess biex jagħmlu dan mhux dejjem faċli. F’żmien fejn kollox sar diġitali, sistema li tiddependi fuq telefonati tidher qadima u ineffiċjenti.
Hemm soluzzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza, bħall-vot bil-posta jew sistemi online aktar effiċjenti. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk irridu li l-Maltin li jgħixu barra jibqgħu jipparteċipaw, irridu nagħmluha aktar faċli għalihom biex jaqdu dan id-dmir importanti.