Tliet persuni mietu waqt vjaġġ fuq il-cruiseliner MV Hondius wara dak li qed jiġi investigat bħala każ ta’ Hantavirus abbord il-vapur.
Skont rapporti internazzjonali, il-vapur kien qed jivvjaġġa minn Ushuaia fl-Arġentina lejn Cape Verde meta beda jinfirex tħassib dwar marda respiratorja qalila fost xi passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ. Il-vittmi huma koppja Olandiża: raġel ta’ 70 sena u mara ta’ 69 sena kif ukoll persuna oħra li allegatament mietet abbord il-vapur u li l-katavru tagħha għadu fuq il-cruiseliner.
Sadanittant, ċittadin Brittaniku ta’ 69 sena jinsab fil-kura intensiva f’Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel, wara li kien l-uniku każ ikkonfermat s’issa tal-Hantavirus. Żewġ membri tal-ekwipaġġ ġew irrappurtati marida wkoll, għalkemm għadhom ma ġewx ikkonfermati uffiċjalment bħala każijiet tal-virus.
Il-Hantavirus huwa grupp ta’ viruses li normalment jinxtered permezz ta’ kuntatt ma’ ħmieġ jew awrina ta’ annimali bħal ġrieden. Persuna tista’ tieħu l-virus meta tieħu n-nifs ta’ partikuli fl-arja li jkunu ġew ikkontaminati. L-esperti qed jispjegaw li l-marda tibda b’sintomi simili għall-influwenza, bħal deni, għeja u uġigħ fil-muskoli, iżda tista’ tiżviluppa malajr f’kundizzjoni aktar serja li tolqot il-pulmun u l-qalb.
Bħalissa m’hemm l-ebda kura speċifika għall-Hantavirus, iżda pazjenti b’sintomi severi qed jingħataw trattament intensiv fosthom ossiġnu, ventilazzjoni mekkanika u mediċini antivirali.