Malta Public Transport ħabbret it-tnedija ta’ sistema ġdida ta’ sinjali diġitali moderni sabiex tkompli ttejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri li jużaw is-servizz tal-karozzi tal-linja kuljum.
Is-sistema l-ġdida ġiet installata f’ċentri ewlenin tat-trasport fosthom il-Belt Valletta, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Marsa Park & Ride, ir-Rabat, l-Università ta’ Malta u l-Port tal-Imġarr. Dan il-proġett kien jinvolvi investiment ta’ €267,000 (appoġġjat finanzjarjament mill-Unjoni Ewropea).
Skont James Abela, Direttur tat-Teknoloġija ma’ Malta Public Transport dan il-pass huwa parti mill-isforzi kontinwi sabiex jitjieb is-servizz u l-esperjenza tal-passiġġieri madwar in-network kollu tat-trasport pubbliku. L-iskrins diġitali l-ġodda huma mfassla biex ikunu viżibbli sew kemm matul il-jum kif ukoll billejl, filwaqt li jużaw teknoloġija ta’ konsum baxx ħafna ta’ enerġija. Fil-fatt, is-sistema taħdem bil-batteriji u ma teħtieġx konnessjoni diretta mal-elettriku.
Permezz ta’ dawn l-iskrins, il-passiġġieri se jkunu jistgħu jaraw aġġornamenti f’ħin reali dwar il-ħinijiet tat-tluq tal-vetturi u tibdil fis-servizzi, sabiex ikunu jistgħu jippjanaw il-vjaġġ tagħhom aħjar u b’aktar faċilità u kumdità. L-istess informazzjoni hija disponibbli wkoll fuq it-Tallinja App.
Fb/ Malta public Transport (Tallinja)