Malta ppreżentat formalment dossier ġdid lill-UNESCO bl-isem “Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann”, bil-għan li diversi siti storiċi madwar Malta u Għawdex jiġu inklużi bħala parti minn Proprjetà tal-Wirt Dinji estiża.
In-nomina tinkludi wħud mill-aktar fortifikazzjonijiet importanti fil-pajjiż, fosthom il-Belt Valletta, il-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir u ta’ Marsamxett, il-Linji tal-Kottonera u ta’ Santa Margerita, kif ukoll l-Imdina u ċ-Ċittadella ta’ Għawdex.
Id-dossier ġie ppreżentat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO Mons. Vella Gauci flimkien ma’ membri tad-delegazzjoni Maltija, u huwa sostnut minn diversi entitajiet nazzjonali marbuta mal-wirt kulturali u l-preservazzjoni storika.
Jekk in-nomina tirnexxi, dawn il-fortifikazzjonijiet jingħaqdu mal-Belt Valletta fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, u b’hekk Malta tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha fost is-siti ta’ importanza storika u kulturali fuq livell internazzjonali.
Il-proposta issa se tiġi evalwata mill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Fb/ DOI