Il-Knisja f’Malta se jkollha tliet saċerdoti ġodda nhar is-Sibt, 16 ta’ Mejju 2026, waqt ċelebrazzjoni speċjali li matulha l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi se jordna saċerdoti lil Rev. David Pace MSSP, Rev. Ryan Dalli OFM Cap., u Rev. Jerome Barnabas, seminarist tal-Istitut għall-Evanġelizzazzjoni tad-Dinja – ICPE.
L-ordinazzjoni presbiterali hija pass importanti fil-ħajja tal-Knisja u tal-komunitajiet reliġjużi rispettivi tagħhom, hekk kif dawn it-tliet żgħażagħ se jibdew uffiċjalment il-ministeru tagħhom bħala saċerdoti.
Bi tħejjija għal din l-okkażjoni, il-pubbliku huwa mistieden jattendi għal velja ta’ talb illum, il-Ħamis 14 ta’ Mejju, fis-19:15 fil-Kappella tal-Oratorju tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’Birkirkara.
Din il-velja se tkun mument ta’ riflessjoni u talb għall-ordinandi, filwaqt li l-fidili jingħaqdu flimkien biex jitolbu għalihom qabel ma jirċievu s-sagrament tal-Ordni Sagri.
Facebook / Archdiocese of Malta