Il-paġna Aġġornament tat-Temp wissiet dwar possibbiltà għolja ta’ maltemp ħafif fil-gżejjer Maltin bejn l-1:00 u t-8:00 tas-Sibt filgħodu. Skont l-aġġornament ippubblikat, is-sitwazzjoni instabbli hija kkawżata minn firxa wiesgħa ta’ pressjoni baxxa fil-punent ta’ Malta, li mistennija tintensifika tard nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju.
Dan jista’ jwassal għal xi ħalbiet tax-xita sa kmieni filgħodu tas-Sibt 16 ta’ Mejju, għalkemm it-temp huwa mistenni jibda jtejjeb wara s-13:00. Intant, għal-lum l-Ħamis 14 ta’ Mejju, it-temp mistenni jkun ftit imsaħħab b’perjodi xemxin. Ir-riħ se jkun Majjistral forza 5, li aktar tard matul il-ġurnata jdur Punent forza 4, filwaqt li tard filgħaxija jsir ilbiċ forza 3.
It-temperatura massima mistennija tilħaq it-23°C, filwaqt li l-inqas temperatura tinżel sa 16°C. Ġie rrappurtat ukoll li t-temperatura tal-baħar bħalissa tinsab madwar id-19°C, filwaqt li l-UV index huwa 7.