Sarah Bonnici qasmet messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali ftit sigħat qabel is-semifinali tal-Eurovision Song Contest 2026 tal-lejla, fejn AIDAN se jippreżenta l-kanzunetta Bella fuq il-palk Ewropew.
Sarah, li kitbet il-kanzunetta flimkien ma’ AIDAN, fissret kemm dan il-vjaġġ għandu tifsira personali għaliha.
“Għadni niftakar b’mod ċar il-jum li ktibna Bella… ma nistax inkun aktar kuntenta u kburija,” kitbet Sarah.
“Mill-ewwel konna nafu li ‘Bella’ kienet xi ħaġa speċjali ħafna,” tgħid Sarah, filwaqt li żiedet li kull darba li kienet terġa’ tisma’ l-kanzunetta kienet terġa’ tħoss dik l-emozzjoni partikolari li tagħti l-kanzunetta.
Hija qalet ukoll kemm tħossha umli li kanzunetta li nkitbet “f’dik il-kamra żgħira f’Malta” issa se tinstema’ fuq il-palk grandjuż tal-Eurovision quddiem miljuni ta’ telespettaturi madwar l-Ewropa.
Għal Sarah, din l-esperjenza għandha valur doppju, hekk kif wara li esperjenzat il-Eurovision bħala artista, issa qed tirritorna bħala awtriċi u kowċ tal-vuċi. Hija ddeskriviet dan il-mument bħala wieħed “verament speċjali”.
Hija appellat ukoll lill-pubbliku Malti biex jappoġġja lil AIDAN, “Bella” u lil Malta waqt is-semifinali tal-lejla, filwaqt li fakkret biex jivvutaw għan-numru 14.
Instagram/ Sarah Bonnici