L-Environment and Resources Authority (ERA) ħabbret li uffiċjali tagħha wettqu inizjattiva ta’ tħawwil ta’ siġar fil-grounds tal-The Scout Association of Malta fil-Floriana.
Matul din l-inizjattiva tħawlu madwar 30 siġra ta’ diversi speċi, fosthom is-siġra tal-ħarrub, iċ-ċipress, is-siġra ta’ Ġuda, id-deru u r-riħan.
Skont l-ERA, dawn l-ispeċi għandhom irwol importanti biex isaħħu l-bijodiversità fil-gżejjer Maltin filwaqt li jgħinu wkoll biex jitjiebu l-ispazji ħodor urbani.
L-awtorità spjegat kif inizjattivi bħal dawn mhux biss iżidu l-ammont ta’ siġar f’żoni urbani, iżda jkomplu joħolqu ambjent aktar sostenibbli u pjaċevoli għall-komunità.
Din l-attività tifforma parti mill-isforzi kontinwi favur il-protezzjoni ambjentali u l-promozzjoni ta’ aktar spazji naturali madwar Malta u Għawdex.