Il-kantawtur lokali Matthew James qasam filmat artistiku u riflessiv ispirat minn luzzu Malti, fejn ta ħarsa differenti u emozzjonanti lejn wieħed mis-simboli tradizzjonali ta’ pajjiżna. Fil-messaġġ li akkumpanja l-filmat, Matthew stqarr kif kultant l-immaġinazzjoni tiegħu twasslu biex jaħseb x’jistgħu “jaħsbu” oġġetti li m’għandhomx ħajja, bħal luzzu.
“Kultant, il-moħħ ta’ tifel li għandi jġegħelni nimmaġina x’ikunu qed jaħsbu oġġetti li m’għandhomx ħajja bħalna. Forsi huwa mod kif nimmedita fuq il-ħajja,” kiteb Matthew. Huwa rrakkonta kif l-idea ġietu waqt li kien qed isuq fil-kampanja u lemaħ dan il-luzzu, fejn minn hemm iddeċieda li joħloq filmat qasir “taparsi qiegħed f’moħħ il-luzzu”.
Matthew żied jgħid li l-mużika li takkumpanja l-filmat hija arranġament orkestrali tad-diska “Taħt Tapit”, waħda mill-kanzunetti mill-album tiegħu. “Nispera li tieħdu pjaċir tarawh daqs kemm ħadt pjaċir nagħmlu,” temm jgħid Matthew.
Il-filmat intlaqa’ tajjeb ħafna mis-segwaċi tiegħu, b’ħafna jfaħħru kemm il-kreattività kif ukoll il-mod poetiku u artistiku li bih irnexxielu jagħti “vuċi” lil simbolu tant Malti bħall-luzzu.
Facebook / Matthew James