“L-Iżbalji Tiegħek Ma Jiddefinixxux Il-Valur Tiegħek” – Toby Farrugia Jaqsam Il-Lezzjonijiet Li Biddlu Ħajtu

DJ Toby, qasam messaġġ sinċier u motivazzjonali mas-segwaċi tiegħu hekk kif irrifletta fuq il-vjaġġ personali li wasslu biex ikun il-persuna li hu llum. F’post emozzjonanti, Farrugia tkellem dwar l-isfidi li għadda minnhom matul ħajtu, filwaqt li rrikonoxxa li l-marki li jġorr miegħu huma parti mill-istorja tiegħu u minn dak li għamluh aktar b’saħħtu kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

“Il-marki li nġorr wassluni fejn qiegħed illum, kemm fiżikament kif ukoll mentalment,” kiteb. Huwa ammetta li l-vjaġġ ma kienx wieħed faċli, b’ħafna ostakli u sfidi tul it-triq, iżda sostna wkoll li kien mimli barkiet li għenuh jikber u jitgħallem.



Farrugia qasam ukoll diversi lezzjonijiet li jgħid li jżomm qrib qalbu. Fosthom semma kif meta wieħed jistenna inqas, ħafna drabi jirċievi aktar, kif huwa importanti li tagħżel bir-reqqa n-nies li ddawwar lilek innifsek bihom, u li għandek tieħu ħsieb moħħok bl-istess mod li tieħu ħsieb ġismek.



Huwa enfasizza wkoll l-importanza li persuna tkun kapaċi tikkontrolla l-emozzjonijiet tagħha, li ma tieħux kollox personali u li ddawwar lilha nnifisha b’nies li jixtiqulha l-ġid. Fost il-pariri tiegħu kien hemm ukoll l-importanza tal-produttività fil-ħajja ta’ kuljum, li tkun ġentili ma’ kulħadd iżda tagħraf fejn tpoġġi lin-nies f’ħajtek, kif ukoll li ma tħallix l-iżbalji tal-passat jiddefinixxu l-valur tiegħek bħala persuna.

L-aktar messaġġ qawwi, iżda, kien wieħed sempliċi, “Kun kuntent. Li tkun imdejjaq huwa ħela ta’ ħin.” Il-kliem tiegħu laqat lil bosta segwaċi li faħħru l-onestà tiegħu u l-mod kif għażel li jaqsam mhux biss is-suċċessi tiegħu, iżda wkoll il-lezzjonijiet li tgħallem matul il-vjaġġ personali tiegħu.



Ritratti:

Facebook / Toby Farrugia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI