Il-Fondazzjoni BOV Tappoġġja R-Restawr Tal-Kwadru Tal-Madonna Tar-Rużarju

Il-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju li jinsab fuq altar laterali fil-Knisja l-Qadima ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi ġie restawrat bl-appoġġ tal-Fondazzjoni BOV. Il-pittura, li tmur lura għall-aħħar tas-seklu dsatax, turi lill-Madonna bil-Bambin f’idha waqt li qed tagħti l-kuruna tar-Rużarju lil San Duminku. Din kienet ingħatat lill-knisja mill-familja Gulia-Schembri, li l-arma tagħha għadha tidher impittra fuq il-kwadru.



Minkejja interventi li saru fil-passat, il-pittura kienet fi stat ħażin ta’ konservazzjoni, bit-tila fraġli u partijiet miż-żebgħa bdew jitqaxxru. Ix-xogħol ta’ restawr sar minn PrevArti u kien jinkludi tindif tat-tila, tneħħija ta’ verniċ li kien sfar maż-żmien u tisħiħ tal-istruttura tagħha.



Pierre Bugeja, fundatur ta’ PrevArti, spjega li l-intervent kien partikolarment delikat minħabba restawri preċedenti li kienu saru b’mod mhux ideali. F’isem il-Fondazzjoni BOV, Ernest Agius qal li l-bank huwa kburi li jappoġġja proġetti li jħarsu u jikkonservaw il-wirt artistiku u storiku tal-pajjiż.



Għalkemm l-artist għadu mhux magħruf, waqt it-tindif instabu partijiet mill-firma oriġinali tiegħu. Ir-riċerka biex tiġi stabbilita l-identità tiegħu għadha għaddejja. Il-kwadru restawrat ġie inawgurat waqt ċerimonja fil-Knisja l-Qadima ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi.  

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI