“Ebda tifel ma jistħoqqlu jikber hekk,” jistqarr Nicholas Briffa fil-messaġġ emozzjonanti li qasam fuq il-paġna soċjali tiegħu.
Flimkien ma’ dan il-messaġġ, Briffa tella’ ritratt ta’ tifel Palestinjan li qed jistenna fil-kju għal platt ikel f’Gaża, u li serva bħala tfakkira qawwija tat-tbatijiet li għadhom qed jgħixu eluf ta’ tfal fil-kunflitt li għadu għaddej. Fil-kitba tiegħu, Briffa rrakkonta kif it-tifel allegatament tilef għajn waħda, lil missieru kif ukoll liz-zijiet tiegħu waqt l-attakki fit-tramuntana ta’ Gaża. Huwa stqarr li, “dan it-tifel m’għandux ikun qed jistenna fil-kju għal platt ikel. Għandu jkun qed jilgħab, jiġri, jagħmel ix-xogħol tal-iskola u joħlom fuq il-futur.”
Briffa kompla jiddeskrivi r-realtà kerha li qed jiffaċċja dan it-tifel, fejn minflok qed iżomm skutella f’idejh u jittama li jkun għad fadal xi ħaġa x’jiekol meta jasal imissu.Huwa rrifletta wkoll fuq kif ħafna drabi n-nies jibdew jitbiegħdu emozzjonalment meta jisimgħu numri kbar relatati mal-gwerer u l-kriżijiet umanitarji. “Xi kultant in-numri jsiru tant kbar li nieqfu nagħtu kashom,” kiteb Briffa, filwaqt li żied li “wara kull statistika hemm wiċċ, hemm isem u hemm tfulija li nsterqet.”
Fil-messaġġ tiegħu semma wkoll il-kundizzjonijiet diffiċli li għadhom qed jaffaċċjaw ħafna nies ġewwa Gaża, b’mod partikolari fejn jidħol l-aċċess għall-ikel u l-mediċini.
Nichola Briffa (b’ritratt ta’ Al Jazeera)