Ftit ilu Lewzinmotion nedew sfida ta’ ġiri biex iqajmu aktar għarfien dwar is-saħħa mentali tal-irġiel. Il-grupp Malti Lewzinmotion ħabbar inizjattiva ġdida b’għan importanti ħafna hekk kif matul ix-xahar ta’ Ġunju se jkunu qed jieħdu sehem fi sfida ta’ ġiri ta’ kuljum b’appoġġ lejn is-saħħa mentali tal-irġiel.
Il-kampanja bl-isem Forward for Men, għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar l-irġiel li jbatu fis-skiet u tinkoraġġixxi aktar diskussjoni miftuħa dwar is-saħħa mentali.
Il-kunċett tal-isfida huwa sempliċi iżda b’messaġġ qawwi: għal kull €1 li jinġabar f’donazzjonijiet u għal kull 10 followers ġodda fuq il-midja soċjali, it-tim se jiġri 100 metru.
Matul ix-xahar kollu, Lewzinmotion se jkunu qed itellgħu filmati ta’ kuljum sabiex il-pubbliku jkun jista’ jsegwi l-vjaġġ tagħhom pass, pass.
L-inizjattiva se tagħlaq fit-28 ta’ Ġunju b’ġirja finali pubblika miftuħa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Il-fondi kollha miġbura se jmorru direttament għal Richmond Foundation, li hija l-imsieħba uffiċjali tal-kampanja u waħda mill-aktar organizzazzjonijiet ewlenin fil-qasam tas-saħħa mentali f’Malta.
Lewzinmotion appellaw lill-pubbliku biex ixerred il-kampanja u jagħti s-sehem tiegħu sabiex flimkien iwasslu messaġġ li l-irġiel għandhom iħossuhom siguri jitkellmu dwar dak li jħossu.