L-MSPCA qalet li l-aħħar wieħed mis-sitt ġriewi li nstabu fil-grawnds sportivi tal-Marsa reġa’ ngħaqad ma’ ommu u ħutu, iżda wissiet li l-problema tat-tnissil mhux ikkontrollat tibqa’ waħda serja.
L-għaqda spjegat li għalkemm il-post jista’ jidher sabiħ u kwiet, fil-verità kien wieħed perikoluż ħafna għall-ġriewi. Fil-fatt, kanal tad-drenaġġ li jinsab qrib l-inħawi seta’ faċilment ipoġġihom f’riskju serju fix-xhur li ġejjin. “Dak li jista’ jidher bħala post ideali huwa wkoll wieħed perikoluż ħafna. Fi ftit xhur oħra dawn il-ġriewi setgħu faċilment inġarru mill-kanal tad-drenaġġ li jgħaddi viċin iż-żona,” qalet l-MSPCA.
L-għaqda żiedet tgħid li issa qed tiffoka l-ħidma tagħha fuq is-salvataġġ tal-missier tal-ġriewi.Fl-istess waqt, l-MSPCA fakkret li l-Marsa tibqa’ waħda mill-aktar żoni f’Malta milquta minn tnissil mhux ikkontrollat tal-klieb.
Fb/ MSPCA