Sam Selby, omm iċ-ċkejken Harvey li ilu xhur jiġġieled kontra l-kanċer, qasmet messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali fejn esprimiet il-frustrazzjoni tagħha wara li operazzjoni importanti għal binha ġiet ikkanċellata fl-aħħar mument.
Selby spjegat li l-għada kellha tkun ġurnata speċjali għall-familja tagħhom, hekk kif Harvey kien se jgħaddi mill-aħħar operazzjoni relatata mal-kura tiegħu – it-tneħħija tal-port li għal xhur twal intuża biex jingħata l-kimoterapija, il-mediċini u biex isiru diversi testijiet mediċi.
Madankollu, il-pjanijiet tagħhom sfaxxaw meta l-operazzjoni ġiet ikkanċellata fl-aħħar ħin. “Mhux faċli tispjega l-frustrazzjoni meta tkun ilek snin tistenna dawn il-mumenti,” kitbet Selby. Hija żiedet li għalihom din ma kinitx sempliċement appuntament mediku li ġie pospost, iżda mument emozzjonali li kien qed jimmarka t-tmiem ta’ kapitlu diffiċli ħafna f’ħajjithom.
L-omm stqarret li wara dak kollu li għaddew minnu, kienet ħejjiet ruħha biex tagħlaq kapitlu importanti, iżda minflok sabet ruħha kostretta tistenna aktar. “Mhux biss dwar il-port. Huwa dwar dak kollu li jirrappreżenta,” kitbet, filwaqt li spjegat li dak l-apparat sar simbolu tal-ġlieda kontra l-kanċer, tal-biża’, tat-tama u tal-isfidi li kellhom jaffaċċjaw bħala familja.
Minkejja d-diżappunt, Selby qalet li taf li se jaslu għal dak il-jum, iżda ammettiet li bħalissa qed tħalli lilha nnifisha tħoss il-frustrazzjoni, l-għeja u n-niket li ġabet magħha din l-aħbar. Il-kuraġġ u s-saħħa li Sam u Harvey wrew matul din il-mixja diffiċli komplew jolqtu lill-eluf ta’ persuni li ilhom isegwu l-istorja tagħhom u joffrulhom l-appoġġ tagħhom.
Minn hawnhekk nibqgħu nawguraw lil Harvey u lill-familja tiegħu kull ġid u kuraġġ fil-ġlieda tagħhom.
Facebook / Sam Selby