“Li Kieku L-Ħaddiema Tal-Gvern Ma Jagħmlu Xejn, Ħadd Ma Jirċievi L-Pensjonijiet U L-Benefiċċji”- Il-Paġna Servizzi U Benefiċċji Soċjali

Il-paġna Servizzi u Benefiċċji Soċjali qasmet messaġġ b’saħħtu dwar il-ħidma kontinwa li jwettqu l-ħaddiema tas-servizz pubbliku, filwaqt li rrispondiet għall-kritika li kultant issir fil-konfront tagħhom. Fil-messaġġ tagħha, il-paġna sostniet li spiss ikun hemm min jgħid li l-ħaddiema tal-Gvern ma jagħmlu xejn, iżda enfasizzat li mingħajr il-ħidma tagħhom ħafna servizzi essenzjali ma jkunux possibbli.

“Li kieku aħna ma nagħmlu xejn, ħadd ma jirċievi l-pensjonijiet, il-benefiċċji u s-servizzi soċjali li nagħtu kontinwament,” intqal fil-messaġġ. Ġie mfakkar ukoll li s-servizz pubbliku jinkludi setturi kruċjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u ż-żamma tal-ordni, flimkien ma’ mijiet ta’ servizzi oħra li jingħataw kuljum lill-pubbliku.



Il-paġna rreferiet ukoll għal tliet ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr u l-Preservazzjoni li ftit tal-jiem ilu nqabdu jwettqu xogħol ta’ manutenzjoni u tindif fuq il-ħitan tas-sur li jospita l-Ambaxxata tal-Ordni Sovran, Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.



Skont il-paġna, dawn il-ħaddiema kienu qed jaħdmu f’għoli ta’ mill-inqas ħames sulari sabiex iwettqu xogħolhom u jipproteġu l-wirt storiku ta’ pajjiżna. “Lil dawk li jgħidu li l-ħaddiema tal-Gvern ma jagħmlu xejn, nistaqsuhom tagħmluh kieku dan ix-xogħol intom?” staqsiet il-paġna.

Il-messaġġ intemm b’ringrazzjament lil dawn il-ħaddiema u lill-ħaddiema kollha tas-servizz pubbliku għall-ħidma tagħhom. “Grazzi mill-qalb lil dawn il-ħaddiema kuraġġużi u lill-ħaddiema kollha pubbliċi f’pajjiżna.”



Ritratti:

Facebook / Servizzi u Benefiċċji Soċjali

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI