Tristan u Maya ltaqgħu flimkien ftit snin ilu meta t-tnejn li huma kienu għaddejjin bl-istudji tagħhom fuq livell post-sekondarju. Sal-lum il-ġurnata, il-koppja żagħżugħa flimkien attendew fl-istess kors bl-ambizzjoni li jsiru tobba, u proprju ftit jiem ilu, din il-ħolma saret realtà.
F’filmat emozzjonanti li huma tellgħu fuq il-midja soċjali u li laħaq eluf ta’ segwaċi, Tristan u Maya jidhru qed jistennew b’ħerqa u b’entużjażmu sabiex isiru jafu l-marka tagħhom; marka li għalihom hi l-qofol ta’ snin twal ta’ studju kkaratterizzati minn iljieli bla rqad u xhur sħaħ mimlija stress u ansjetà.
B’xorti tajba, din id-dedikazzjoni ħalliet il-frott hekk kif b’xorti tajba t-tnejn li huma kisbu l-marka meħtieġa sabiex jiggradwaw bħala tobba.
F’intervista ma’ TVAM mal-preżentatur Ian Busutill Naudi, il-koppja żagħżugħa ssemmi kif issa wara snin ta’ studju se tkun qiegħda tieħu brejk mistħoqq billi tmur btala twila.
Nawguraw lil Tristan u Maya kull suċċess fil-futur!
Facebook / TVAM u Pexels