Mal-għeluq tas-sena skolastika 2025-2026, l-edukatur Fabian Mangion iċċelebra tragward importanti ħafna fil-karriera tiegħu hekk kif għalaq 30 sena bħala għalliem fil-Kulleġġ De La Salle.
F’messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Mangion irrifletta fuq dawn it-tliet deċennji ta’ servizz u radd ħajr lil Alla, li fi kliemu mexxieh pass pass fit-triq li kienet maħsuba għalih. Huwa rringrazzja wkoll lill-ġenituri tiegħu u lil dawk kollha li tawh l-appoġġ, il-fiduċja u l-kuraġġ matul is-snin.
Mangion esprima gratitudni speċjali lejn San Ġwann Battista De La Salle, il-fundatur tal-familja Lasalljana, u qal li l-ispirtu tiegħu dejjem ispirah biex mhux biss jeduka lill-istudenti akkademikament, iżda wkoll jilħaq il-qlub tagħhom.
Huwa sellem ukoll lill-Brothers, lill-għalliema tiegħu u lill-kollegi kollha li magħhom qasam kemm mumenti sbieħ kif ukoll sfidi matul il-karriera tiegħu, filwaqt li ddeskriviehom bħala aktar minn sempliċiment kollegi tax-xogħol.
Meta ħares lura lejn dawn it-30 sena, Fabian Mangion qal li kellu l-privileġġ li jkun parti mill-vjaġġ edukattiv ta’ aktar minn 4,300 żagħżugħ. Huwa esprima t-tama li ħalla marka pożittiva f’ħajjithom, filwaqt li sostna li kienu proprju l-istudenti li għenuh jibqa’ jħares lejn il-ħajja b’għajnejn aktar żagħżugħa.
"Inti messejt il-ħajja ta’ ħafna żgħażagħ," kiteb il-kliem li qallu darba xi ħadd, filwaqt li rrifletta fuq il-missjoni edukattiva li ilha takkumpanjah għal dawn l-aħħar tliet deċennji.