L-Ikona Fern Mallis Ser Tattendi Għall-Malta Fashion Week 2026

Fern Mallis

Waħda mill-aktar personalitajiet influwenti fid-dinja tal-moda, Fern Mallis, magħrufa bħala l-kreatriċi ta’ New York Fashion Week u msejħa minn ħafna bħala l-Godmother of Fashion, se tkun fost il-mistednin ewlenin ta’ Malta Fashion Week 2026.

Iż-żjara tagħha f’Malta qed issir possibbli bis-saħħa tal-appoġġ tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta u tal-Ambaxxatriċi Somers Farkas, f’inizjattiva li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet kulturali bejn Malta u l-Istati Uniti, filwaqt li tinkoraġġixxi aktar kollaborazzjoni internazzjonali fis-settur tal-moda.

Fern Mallis mistennija tattendi l-wirjiet ewlenin ta’ Malta Fashion Week fis-6 u s-7 ta’ Lulju, fejn se jkollha l-opportunità tara mill-qrib il-kreattività, it-talent u l-innovazzjoni li qed jikkaratterizzaw ix-xena tal-moda Maltija.

Għal aktar minn għoxrin sena kellha kariga ta’ tmexxija fi ħdan il-Council of Fashion Designers of America (CFDA) u IMG Fashion, qabel ma waqqfet il-kumpanija internazzjonali tagħha ta’ konsulenza.



Hi wkoll il-preżentatriċi tas-serje prestiġjuża Fashion Icons with Fern Mallis f’92NY, fejn intervistat uħud mill-aktar disinjaturi u mexxejja rinomati tal-industrija tal-moda.

Il-parteċipazzjoni tagħha fil-Malta Fashion Week 2026 hija meqjusa bħala pass ieħor importanti għall-avveniment, li qed ikompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta bħala destinazzjoni għall-moda, il-kreattività u l-kollaborazzjoni internazzjonali.

Il-Malta Fashion Week, li ssir kull sena bl-appoġġ tal-Malta Tourism Authority, tlaqqa’ flimkien disinjaturi, mudelli, professjonisti tal-industrija u dilettanti tal-moda biex tiċċelebra l-aqwa talent lokali u internazzjonali.

Ritratti:

Malta Fashion Week

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI