Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret miżura maħsuba biex tkompli tħares is-saħħa u l-benesseri taż-żwiemel matul ix-xhur l-aktar sħan tas-sena.
Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Bugeja Said spjegat li minn illum sal-aħħar ta’ Awwissu, iż-żwiemel mhux se jkunu qed iġorru passiġġieri bil-karozzini bejn is-13:00 u l-16:00, jiġifieri matul il-ħinijiet meta s-sħana tkun fl-ogħla livelli tagħha.
"Is-saħħa u l-benesseri ta’ kull annimal jibqgħu prijorità għalina," sostniet is-Segretarju Parlamentari, filwaqt li enfasizzat li din id-deċiżjoni ttieħdet proprju biex jitnaqqas ir-riskju li ż-żwiemel ikunu esposti għal temperaturi għoljin wisq.
Il-miżura se tibqa’ fis-seħħ sal-aħħar ta’ Awwissu u hija parti mill-isforzi kontinwi biex jiġi żgurat li l-annimali li jintużaw għat-trasport turistiku jingħataw il-protezzjoni u l-kundizzjonijiet xierqa, speċjalment matul il-perjodu tas-sajf meta t-temperaturi f’Malta spiss jilħqu livelli għoljin.
Facebook / Alicia Bugeja Said