Awguri Lil Dun Stefan Attard Fl-Okkażjoni Tas-27 Anniversarju Mill-Ordinazzjoni Saċerdotali Tiegħu

Il-Parroċċa ta' San Ġiljan sellmet lil Dun Stefan Attard fl-okkażjoni tas-27 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, filwaqt li rringrazzjatu għall-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħu fil-qadi tal-komunità.

Dun Stefan ġie ordnat saċerdot fit-2 ta' Lulju 1999 mill-Arċisqof emeritu Mons. Ġużeppi Mercieca u ilu jaqdi l-ministeru tiegħu fil-Parroċċa ta' San Ġiljan minn Settembru tal-2013.

Imwieled fit-28 ta' April 1972, Dun Stefan studja fil-Kulleġġ De La Salle qabel kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta' Malta u fis-Seminarju tal-Arċisqof. Wara sentejn esperjenza pastorali fil-Parroċċa tal-Ibraġġ, intbagħat Ruma biex jispeċjalizza fl-Istudji Bibliċi fl-Istituto Pontificio Biblico.



F'Diċembru tal-2013 kiseb id-Dottorat fl-Iskrittura Mqaddsa, b'speċjalizzazzjoni fuq il-Ktieb tas-Salmi. Fl-istess sena nħatar lecturer tal-Iskrittura fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta' Malta, fejn illum iservi wkoll bħala d-Dekan tal-Fakultà.

Permezz ta' messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Parroċċa ta' San Ġiljan awgurat lil Dun Stefan għal dan l-anniversarju importanti, filwaqt li rringrazzjatu tas-servizz tiegħu kemm fil-ħajja pastorali kif ukoll fil-qasam akkademiku.

Minn naħa tagħna ningħaqdu f'dawn l-awguri u nawguraw lil Dun Stefan Attard aktar snin ta' saħħa u ħidma fil-ministeru tiegħu.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI