ATB U Tribute Band Ta’ U2 Se Jtellgħu Ż-Żabbar Beer Festival 2026 Għal Livell Ieħor

Wara s-suċċess li kiseb fl-edizzjoni tas-sena l-oħra, iż-Żabbar Beer Festival se jirritorna nhar il-Ġimgħa 3 u s-Sibt 4 ta’ Lulju 2026, b’programm mimli mużika, divertiment u attivitajiet għall-familja kollha.

Organizzat minn MMG Promotions, il-festival se jsir fil-foss ta’ Ħaż-Żabbar, biswit Bieb is-Sultan, f’ambjent miftuħ li matul is-snin sar sinonimu ma’ dan l-avveniment tant mistenni.

Il-qofol tal-ewwel serata se jkun l-ispettaklu tad-DJ leġġendarju Ġermaniż ATB, magħruf madwar id-dinja għal suċċessi bħal 9PM (Till I Come), Don't Stop, Your Love u Run. Wara prestazzjonijiet f’uħud mill-akbar festivals internazzjonali, ATB se jerġa’ lura Malta għal serata li mistennija tattira eluf ta’ dilettanti tal-mużika elettronika.

Is-Sibt, min-naħa l-oħra, se jkun imiss lill-Achtung Babies, waħda mill-aktar tribute bands rinomati ta’ U2, li se jagħmlu l-ewwel prestazzjoni tagħhom f’Malta bħala parti mit-tour internazzjonali tagħhom. Il-band hija magħrufa għall-ispettakli enerġetiċi tagħha li jagħtu ġieħ lill-akbar suċċessi tal-grupp leġġendarju Irlandiż.

Iżda l-programm ma jieqafx hemm. Matul iż-żewġ serati se jitilgħu wkoll diversi DJs u bands Maltin, li se jkomplu jżidu mal-atmosfera vibranti tal-festival.

Apparti l-mużika live, iż-Żabbar Beer Festival se joffri wkoll logħob relatat mal-birra, diversi attivitajiet ta’ divertiment u żona ddedikata għat-tfal, biex l-avveniment ikun adattat għal kull membru tal-familja.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm u l-attivitajiet, wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali taż-Żabbar Beer Festival jew l-avveniment uffiċjali fuq Facebook.

Ritratti:

Facebook / Zabbar Beer Fest

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI