Wieħed mill-aktar films tal-familja maħbuba tas-snin disgħin jista’ jkun qed jagħmel ritorn tant mistenni. Skont rapporti ġodda, Disney qed tiżviluppa sequel ta’ The Parent Trap (1998), b’Lindsay Lohan mistennija terġa’ tinterpreta r-rwol doppju ikoniku tagħha bħala Hallie Parker u Annie James.
L-aħbar ġiet żvelata mill-attriċi Lisa Ann Walter, li fil-film oriġinali interpretat lil Chessy. Hija qalet li semgħet li Lohan se tirritorna u li anke hi ġiet avviċinata biex terġa’ tieħu r-rwol tagħha.
Għalkemm Disney għadha ma kkonfermatx uffiċjalment il-proġett, l-aħbar diġà qanqlet entużjażmu fost is-segwaċi tal-film, li aktar minn 25 sena wara għadu meqjus bħala wieħed mill-aktar films klassiċi popolari ta’ Disney.
Jekk il-proġett jingħata d-dawl aħdar, dan ikun l-ewwel sequel tal-film oriġinali u joffri ċ-ċans lill-partitarji jaraw x’sar mill-ħajja ta’ Hallie u Annie wara li rnexxielhom jerġgħu jgħaqqdu lill-ġenituri tagħhom. Għalissa, il-partitarji se jkollhom jistennew konferma uffiċjali minn Disney.
Facebook / Lindsay Lohan