“Inħares Lejn Dawn Is-Snin Bi Gratitudni U Kburija” – Ruth Micallef Tagħlaq 30 Sena Taħdem Fi Ħdan ONE

Il-Kap Eżekuttiv ta’ ONE, Ruth Micallef, iċċelebrat tragward importanti fil-karriera tagħha hekk kif għalqet 30 sena taħdem mal-istazzjon. F’messaġġ li qasmet fuq il-midja soċjali, Ruth irringrazzjat lil dawk kollha li bagħtulha l-awguri, filwaqt li fissret dawn it-tliet deċennji bħala snin mimlijin esperjenzi, sfidi u ħbiberiji.

"Nħares lejn dawn is-snin bi gratitudni u kburija lejn sħabi l-ħaddiema li ħadmu l-istazzjonijiet ONE matul is-snin, producers, kollaboraturi u shareholders. Napprezza lil kull wieħed u waħda minnkom, l-esperjenzi u l-ħbiberiji li bnejna matul is-snin," kitbet.

Hija żiedet li tħares 'il quddiem biex tkompli taħdem flimkien mat-tim tagħha sabiex l-istazzjonijiet ta' ONE jibqgħu jiġġeddu u jkomplu jkunu relevanti f'industrija li qed tinbidel kontinwament. "Inħares il-quddiem biex inkomplu ngeddu dawn l-istazzjonijiet li tant għandna għal qalbna biex kif għamilna dejjem nibqgħu nkunu relevanti fl-industrija u nissaħħu mal-eżiġenzi taż-żmien," kompliet tgħid.

Fost dawk li sellmu lil Ruth kien hemm ukoll l-MEP Alex Agius Saliba, li feraħ lilha għal dan il-mument importanti. "Awguri lil Ruth Micallef – Il-Kap Eżekuttiv ta’ ONE illi llum għalqet 30 sena taħdem fl-istazzjon tagħna. Grazzi lilha u lill-ħaddiema tagħna kollha tas-servizz tagħhom," kiteb il-Membru Parlamentari Ewropew.

It-30 anniversarju ta’ Ruth Micallef ma’ ONE jimmarka tragward sinifikanti fil-karriera tagħha u jirrifletti l-kontribut kontinwu tagħha għall-iżvilupp tal-istazzjon matul dawn l-aħħar tliet deċennji.

Ritratti:

Facebook / Ruth Micallef

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI