“Ridt Li Flok Rigal Jagħtuni Donazzjoni” – Frank Buhagiar Jagħti €1,000 Lil Puttinu Cares Fl-Okkażjoni Tal-Irtirar Tiegħu

Wara 41 sena jaħdem, Frank Buhagiar għażel li jimmarka l-irtirar tiegħu b’att ta’ ġenerożità li mess il-qlub ta’ ħafna. Fuq il-paġna ta’ Puttinu Cares ġie spjegat kif Frank talab lill-kollegi tiegħu li, minflok jonfqu l-flus fuq rigal ta’ tislima kif isir is-soltu, jiġbruhom u jagħtuhomlu biex ikun jista’ jużahom għal kawża nobbli.

Il-kollegi tiegħu ġabru s-somma ta’ €460, iżda Frank ma waqafx hemm. Huwa ddeċieda li jżid il-kontribut tiegħu stess biex id-donazzjoni tilħaq €1,000, li mbagħad ingħatat lil Puttinu Cares.

"Jisimni Frank Buhagiar u dan l-aħħar irtirajt mix-xogħol wara 41 sena ta’ impjieg. Kienet ix-xewqa tiegħi li, jekk kif is-soltu jinġabru l-flus biex jinxtarali rigal tal-irtirar, dawn il-flus ma jintefqux fuq rigal iżda jingħataw lili. Jien imbagħad kont se nirdoppja s-somma u nagħmel donazzjoni lil Puttinu Cares," kiteb Frank fil-messaġġ tiegħu.

Huwa rringrazzja lill-kollegi tiegħu tal-appoġġ u l-ġenerożità tagħhom, filwaqt li temm jgħid, "Grazzi u prosit."

Il-ġest ta’ Frank huwa eżempju sabiħ ta’ kif okkażjoni personali tista’ tinbidel f’opportunità biex issir differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor, b’donazzjoni li se tkompli tappoġġja l-ħidma ta’ Puttinu Cares favur pazjenti u l-familji tagħhom.

Ritratti:

Facebook / Puttinu Cares

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI