Il-Parroċċa San Sebastjan ta’ Ħal Qormi sellmet il-memorja ta’ Dun Ġwann Bugeja f’jum l-għeluq tal-mitt sena tiegħu.
Kitbu, “Illum infakkru l-100 sena mit-twelid ta’ Dun Ġwann Bugeja, saċerdot li minkejja li ma kienx mill-Parroċċa tagħna però għal aktar minn 60 sena ta servizz fil-Parroċċa. Dun Ġwann Bugeja twieled fl-10 ta’ Lulju 1926 fl-Isla minn Ġwakkin u Antonia. Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Gvern fl-Isla u wara fl-iskola tal-patrijiet Agostinjani fil-Belt Valletta. Wara li ħassu msejjaħ għall-ħajja saċerdotali daħal is-Seminarju fejn irċieva formazzjoni spiritwali, pastorali u akkademika. Ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Awwissu 1952 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi flimkien ma’ 25 żagħżugħ ieħor. Iċċelebra l-ewwel Quddiesa Solenni tiegħu fil-Kolleġġjata ta’ Sant’Elena f'Birkirkara fejn il-familja Bugeja kienet refuġjata minħabba l-gwerra u fil-Parroċċa fejn qabel huwa kien soċju tal-MUSEUM.”
Żiedu jgħidu, “Għalkemm avvanzat fl-età kien deċiż li jitgħallem il-kompjuter biex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu ta’ għalliem u predikatur b’aktar professjonalità. Fi żmien meta kienx hawn verżjoni diġitali tal-Bibbja, iddeċieda li jittajpja l-Bibbja kollha fuq il-kompjuter ħalli jkun jista’ jsib is-siltiet li kellu bżonn bl-aktar mod faċli. Ittajpja wkoll il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Dun Ġwann għadda l-aħħar snin ta' ħajtu fid-Dar tal-Kleru fejn miet fit-3 ta’ April 2017 u llum jinsab midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid. Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fil-paċi. Ammen.”
Facebook / Parroċċa San Sebastjan – St Sebastian Parish – Qormi