Lydon Xerri – Bodybuilder Malti Jispikka Fi Spanja B’Post Mal-Ewwel Sitta F’Kompetizzjoni Internazzjonali

Il-bodybuilder Malti Lydon Xerri, ta’ 29 sena mill-Isla, kiseb riżultat pożittiv fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta spiċċa mal-ewwel sitt atleti f’kompetizzjoni internazzjonali fi Spanja.

Lydon ilu jipprattika l-bodybuilding sa minn meta kellu 19-il sena u, matul dawn l-aħħar għaxar snin, ħa sehem f’10 kompetizzjonijiet differenti. Tul il-karriera tiegħu kiseb diversi unuri fil-kategoriji Juniors, Under 70kg u Under 75kg, filwaqt li rebaħ ukoll il-premju prestiġjuż tal-Best Poser.

Fil-kompetizzjoni fi Spanja, Lydon kien qed jikkompeti ma’ atleti li jibnu l-fiżika tagħhom b’mod naturali, f’dixxiplina li tippromwovi mhux biss il-prestazzjoni sportiva iżda wkoll stil ta’ ħajja b’saħħtu u dixxiplina personali.

Huwa jitħarreġ fil-Haymans Gym tal-Marsa, filwaqt li l-programm ta’ nutrizzjoni u dieta tiegħu huwa mmexxi minn Etienne Hayman, li jgħinu jilħaq l-aqwa kundizzjoni possibbli qabel kull kompetizzjoni.

Lydon jgħid li l-passjoni tiegħu għal dan l-isport qed tkompli tikber maż-żmien u għandu l-għan li jkompli jtejjeb il-livell tiegħu, jieħu sehem f’aktar kompetizzjonijiet internazzjonali u jirrappreżenta lil Malta bl-aħjar mod possibbli.

Lil hinn mir-riżultati u t-trofej, Lydon jemmen li l-bodybuilding għandu wkoll benefiċċji importanti għas-saħħa mentali. Huwa jħeġġeġ aktar persuni jieħdu ħsieb ġisimhom permezz tal-eżerċizzju, filwaqt li jenfasizza li d-dixxiplina, il-konsistenza u l-impenn jistgħu jagħmlu differenza kbira kemm fil-fiżiku kif ukoll fil-benesseri mentali.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI